L-ewwel paġna » Tagħrif » Gwida għall-għalliema

 

Gwida għall-għalliema

“Flimkien mill-1957” ma jirreferix biss għall-50 anniversarju ta' l-Unjoni Ewropea. F'termini ta' żvilupp dan ifisser flimkien għal dinja aħjar matul 50 sena ta' kooperazzjoni. L-Unjoni Ewropea tmexxi t-triq ta' l-imsieħba għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp fl-Afrika. F'Ottubru 2005, il-Kummissjoni Ewropea approvat "Strateġija għall-Afrika" ġdida, b'impenn qawwi biex isir "aktar, aħjar u aktar malajr".


 

Kont taf li:

• L-Afrika hija it-tieni l-akbar kontinent tad-dinja f’termini ta’ daqs u popolazzjoni
• 18 mill-20 l-ifqar nazzjon fid-dinja huma fl-Afrika
• L-UE hija l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp lill-Afrika
• L-UE hija l-aktar imsieħeb importanti fin-negozju ta’ l-Afrika
• L-għajnuna ta’ l-UE lill-Afrika se tiżdied b’żewġ terzi minn bejn wieħed u ieħor €17 biljun fl-2003 għal total ta’ bejn wieħed u ieħor €25 biljun fis-sena fl-2010.

Din il-gwida pedagoġika għandha l-għan li tenfasizza wħud mill-kwistjonijiet ewlenin li l-UE u msieħba oħra fl-iżvilupp jindirizzaw fl-Afrika. Hija tipproponi xi lezzjonijiet u metodoloġiji u tenfasizza t-temi tal-Premju Żgħażagħ għall-Iżvilupp dwar Tibdil fil-Klima, Ilma u Enerġija u Turiżmu Sostenibbli.

Kif torganizza l-lezzjonijiet
Qabel ma jibdew ix-xogħol ta’ l-arti l-istudenti jeħtieġu jiksbu kemm jista’ jkun informazzjoni dwar it-tema(i) magħżula biex jifhmu tassew l-isfidi, u x’qed isir dwarhom. Il-kwistjonijiet jistgħu jkunu kemmxejn kumplessi, imma fehim bir-reqqa huwa meħtieġ biex ikun jista’ jinħoloq messaġġ adattat.
• Iġbru informazzjoni dwar it-tema u ddiskutuha fil-klassi. X’inhuma l-aktar kwistjonijiet importanti għall-istudenti tiegħek?
• Aħsbu dwar il-bosta fatturi li joħolqu l-problemi. Fejn jibdew iċ-ċirki vizzjużi?
• Aħsbu dwar ix-xogħol biex titjieb is-sitwazzjoni fl-Afrika . X’jistgħu jagħmlu l-organizzazzjonijiet u l-individwi fl-Ewropa biex jgħinu?
• Jekk se tagħtu xi suġġerimenti, aħsbu dwar l-effetti kollaterali possibbli.

Kif tippjana d-dħul tiegħek
Aħseb biex toħloq xogħol ta’ l-arti li jkun sempliċi, intelliġenti u sinkronizzat mal-messaġġ tiegħu. Dawn huma xi mistoqsijiet u kwistjonijiet ewlenin.
• X’inhu eżattament dak li trid tenfasizza? Ipprova li żżomm fokus qawwi u evita li tkun ambizzjuż iżżejjed.
• Kif se tqiegħed l-elementi grafiċi? 
• Se tagħżel xbiehat simboliċi jew tifsira aktar letterali?
• Qajjem kuxjenza. X’se jakkwista min se jara d-daħla tiegħek?
• Il-messaġġ irid ikun qasir ħafna. Kun ċert li huwa ċar u li jidħol sew mal-parti grafika tad-daħla tiegħek.
• Kun pożittiv. Fittex li tenfasizza mhux biss l-isfidi imma kif huma qed jiġu indirizzati, u l-progress li qed isir.
• Ipprova kun oriġinali. Kif se tispikka d-daħla tiegħek?

It-Tibdil fil-Klima
• It-tibdil fil-klima huwa problema globali li teħtieġ miżuri urġenti. Ma nistgħux ma nirreaġixxux - għaliex inkella jkun hemm implikazzjonijiet serji dwar is-sigurtà globali.
• It-tibdil fil-klima huwa primarjament l-effett tat-tisħin globali, li jfisser żieda tat-temperatura medja ta' l-arja u ta' l-oċeani fid-Dinja kkawżati mill-influwenza tal-bniedem.
• Minkejja li l-Afrika m'hijiex kontinent ewlieni li jniġġes, xorta waħda hija affettwata ferm mit-tibdil fil-klima. It-tisħin globali jintensifika l-kundizzjonijiet estremi tat-temp. Dan jikkawża d-deżertifikazzjoni f'bosta reġjuni Afrikani u għargħar f'postijiet oħra. Kundizzjonijiet estremi tat-temp jaffettwaw il-ħsad ta' l-agrikoltura u jżidu l-firxiet ta' mard serju.

L-Ilma u l-Enerġija
• L-aċċess għall-ilma ħelu huwa bżonn essenzjali għall-kundizzjonijiet ta' ħajja sostenibbli għan-nies fl-Afrika. L-ilma nadif huwa riżors prezzjuż, imma sfortunatament jispiċċa wkoll. In-nuqqas ta' l-ilma ma jaffettwax biss lill-ambjent iżda wkoll direttament lis-saħħa u l-ħajja tal-persuni. Fl-Afrika ħafna pajjiżi jiffaċċjaw il-problema tat-tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni tagħhom u ta' l-urbanizzazzjoni. L-istili tal-ħajja jinbidlu b'mod mgħaġġel u jeħtieġu miżuri adattati biex ikun hemm aċċess ugwali għal riżorsi ta' ilma tajjeb.
• Fl-2002 l-UE nidiet l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Ilma (EUWI) fis-Summit ta' Johannesburg sabiex tikkontribwixxi fil-ksib ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp. Pjanijiet nazzjonali dwar l-ilma għandhom jgħinu biex jiġi pprovdut aċċess adegwat u ugwali għal riżorsi ta' ilma tajjeb.
Fl-istess okkażjoni l-UE nidiet l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Enerġija (EUEI). L-enerġija għandha rwol essenzjali fil-qerda tal-povertà estrema. L-Afrika għandha l-aċċess l-aktar baxx għall-enerġija fid-dinja meta mqabbel mal-popolazzjoni tagħha. Sal-ġurnata ta' llum ħafna nies fl-Afrika għadhom qed jużaw il-bijomassa tradizzjonali bħalma huma l-injam, residwi mill-agrikoltura u demel biex isajru u jsaħħnu. Bidla għal servizzi ta' enerġija moderna hija neċessarja mhux biss għat-tkabbir ekonomiku. Id-djar, l-iskejjel u l-isptarijiet jeħtieġu l-enerġija biex jagħmlu l-ħajja aktar faċli u aktar sigura għal kulħadd.

Turiżmu Sostenibbli
• It-turiżmu internazzjonali qiegħed dejjem jikber u diġà sar wieħed mill-akbar industriji tad-dinja.
• It-terminu “turiżmu sostenibbli” b'mod ġenerali jimplika l-idea ta' turiżmu responsabbli li jassumi li l-vjaġġaturi jirrispettaw u jikkonservaw l-ambjent, l-ekonomija u l-aspetti soċjo-kulturali speċjali tal-postijiet li jżuru u li jżommu l-bilanċ tagħhom.
It-turiżmu sostenibbli għandu importanza ewlenija għall-Afrika. Vjaġġi lejn pajjiiżi aktar foqra huwa ġeneralment irħas għall-vjaġġatur u dan jista' jgħin it-tkabbir ekonomiku ta' dak il-pajjiż. In-negozji lokali jistgħu jagħmlu qligħ mit-turisti billi, ngħidu aħna, ibiegħu l-prodotti tagħhom.
• Madankollu, l-effetti tat-turiżmu għandhom jiġu kkunsidrati minn qabel bil-għaqal u b'mod realistiku sabiex tiġi evitata ħsara gravi għall-pajjiżi Afrikani, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom u l-popli tagħhom.

Links

DG Żvilupp
L-Ewropa tagħti kas
Pakkett għall-Istampa ta' l-UE: Strateġija għall-Afrika (EN, FR, DE)
L-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti
Rapport dwar il-Proġett tal-Millennju għall-Iżvilupp 2005

  • It-Tibdil fil-Klima
    Il-Kontribut ta' l-UE fit-Tiswir ta' Reġim dwar it-Tibdil fil-Klima Globali Futur
    Nazzjonijiet Uniti – DEWA Afrika
    Ħarsa lejn l-Ambjent ta' l-Afrika

  • Ilma u enerġija
    L-Inizjattiva Ewropea dwar l-Ilma
    L-inizjattiva Ewropea dwar l-Enerġija
    Enerġija għal Dinja li qed Tinbidel

  • Turiżmu Sostenibbli
    Ċentru għar-Riċerka dwar l-Iżvilupp Globali
    Programm dwar l-Ambjen tan-Nazzjonijiet Uniti
    UNWTO-Żvilupp Sostenibbli tat-Turiżmu
    Wikipedia Turiżmu Sostenibbli